Ninvestu fil-Futur Tiegħek

Maltese
English

Amministrazzjoni Pubblika

Amministrazzjoni pubblika u servizzi pubbliċi effettivi u li jkunu organizzati sew huma essenzjali biex jassistu u jġibu ’l quddiem it-tkabbir ekonomiku tal-gżejjer Maltin u jistimulaw il-ħolqien tal-impiegi.  Din hi r-raġuni li għaliha l-Gvern, fir-rwol tiegħu bħala regolatur u biex jiffaċilita t-tkabbir ekonomiku, qed jinvesti f’regolamentazzjoni aħjar, fil-mod kif jitfasslu l-linji tal-politika li fuqha jitmexxa l-pajjiż u fil-mod kif dawn il-linji jitwasslu lill-poplu.  Li jkun hemm Amministrazzjoni Pubblika aktar produttiva li toffri xogħol ta’ kwalità aħjar hu essenzjali wkoll biex jitmexxew ’il quddiem ir-riformi waqt li fl-istess ħin tiżdied wkoll il-produttività u tikber l-ekonomija fid-dimensjoni aktar wiesa’ tagħha. 

F’dan id-dawl, qed jitwettqu għadd ta’ inizjattivi li huma primarjament ko-finanzjati permezz tal-Fond Soċjali Ewropew, bil-għan li tissaħħaħ l-effiċjenza u jissaħħaħ ukoll il-mod ta’ kemm hu effettiv is-settur pubbliku waqt li jiġu żviluppati sħubiji effettivi fil-linji ta’ tmexxija f’firxa wiesa’ ta’ oqsma.  

Is-settur pubbliku qed jingħata wkoll għadd ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim għal matul il-ħajja bil-għan li jitjiebu l-ħiliet u l-kapaċitajiet li ġa jeżistu u b’hekk il-proċessi tax-xogħol isiru aktar effiċjenti waqt li tiżdied l-adattabiltà u tikber il-produttività tal-ħaddiema.  Il-Gvern qiegħed jagħti bidu għal sistemi li bihom jiġu ċentralizzati għadd ta’ funzjonijiet biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun il-frammentazzjoni u d-duplikazzjoni tax-xogħol u minn dan kollu fl-aħħarnett igawdi l-klijent ewlieni tas-servizz pubbliku – iċ-ċittadin.

Id-djalogu soċjali u ċivili għandu rwol importanti f’sistema demokratika għax permezz tiegħu jkun possibbli li jitfasslu l-linji ta’ tmexxija bl-appoġġ u bl-approvazzjoni li huma meħtieġa ta’ dawk li għandhom sehem ewlieni f’dawn l-oqsma, l-aktar fil-kuntest tal-iżviluppi li jiġru fl-Unjoni Ewropea.  Eżempju ta’ kif il-Fond Soċjali Ewropew isostni d-djalogu soċjali u ċivili hu l-proġett Closer to Europe imwettaq mill-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (l-MCESD).  Dan il-proġett jinkuraġġixxi u jsostni l-iżvilupp ta’ djalogu soċjali u ċivili f’Malta u Għawdex li jkun aktar effettiv billi jipprovdi lil dawk il-persuni lokali li għandhom sehem ewlieni, tagħrif aġġornat fuq suġġetti ta’ natura soċjali u ekonomika u suġġetti li huma marbuta mal-Unjoni Ewropea, opportunitajiet ta’ tagħlim għal matul il-ħajja u inizjattivi li jressqu lil dawn il-persuni f’kuntatt aktar qrib ta’ xulxin.  Dan il-proġett, għaldaqstant, iwessa’ l-għarfien ta’ dawk li għandhom sehem ewlieni f’dawn l-qosma dwar żviluppi fl-Unjoni Ewropea u dwar żviluppi fuq il-linji ta’ tmexxija lokali u jagħtihom iċ-ċans li jaslu għal opinjonijiet infurmati fuq aspetti marbutin mal-linji ġenerali tat-tmexxija.

Numru ta’ Proġetti Valur
12 €26,000,000